Wednesday, 5 December 2012

Fit-trufijiet ta’ xtajta


Fit-trufijiet ta’ xtajta fejn jiltaqgħu
Xenqet ir-ruħ u dak li tagħti l-ħajja,
Hemmhekk tibda taħdita ħierqa bejn it-torox
U l-muti li qegħdin ġewwa dil-bajja.

Fuq tarf dik l-għatba fejn sikwit jiltaqgħu
Id-doveruż ma' dak li hu mistenni,
Hemmhekk, it-talba tiegħi tkun ħerqana,
Hemmhekk infittex ħajt li huwa kenni.

Hemmhekk tisma’ taħdita wisq qadima,
Li bdiet meta twelidt u għadha miegħi,
Li trid tiftaħ il-bieb fuq l-għada jberraq,
Il-bieb tal-ħolm, il-bieb tat-tama tiegħi.

No comments:

Post a Comment